Soluzzjonijiet
Il-klima u l-iskart
Il-bidliet fix-xejriet tal-konsum tal-materjal u l-ġestjoni xierqa tal-iskart mhux biss jiffrankaw il-flus; għandhom ukoll implikazzjonijiet sinifikanti għat-titjib tal-prestazzjoni ambjentali u għat-tnaqqis tat-tibdil fil-klima.
X'ħela!
Immaġinak tasal lura mis-supermarket u tarmi terz tax-xirja tiegħek dritt fil-landa taż-żibel. Dak hu bejn wieħed u ieħor il-proporzjon tal-ikel prodott globalment li jintilef jew jintrema kull sena.
Il-Kummissjoni Ewropea qed taħdem biex tgħin sabiex ixxerred il-kelma dwar ix-xiri bil-għaqal, xi jfissru d-dati ta’ fuq it-tikketti tal-ikel u l-użu tal-ikel li jkun jifdal. F’Ottubru tal-2017, ġew adottati linji gwida tal-UE biex tkun aktar faċli – fejn ikun sigur li dan isir – li l-ikel żejjed jingħata b’donazzjoni lill-banek tal-ikel jew jintuża għall-għalf tal-annimali.
Ejjew naħdmu lkoll flimkien biex innaqqsu s-somma stmata ta’ 90 miljun tunnellata ta’ ikel li bħalissa qed jintrema kull sena fl-UE!

Kun għaqli fejn jidħol l-iskart
Id-darba li jmiss li tarmi xi ħaġa fil-landa taż-żibel, aħseb dwarha. Bħala medja, kull persuna minn fost il-500 miljun ruħ li jgħixu fl-UE tarmi madwar nofs tunnellata ta’ skart domestiku kull sena!
Anki jekk l-ammont ta’ skart li jiġi rriċiklat qiegħed jiżdied, ħafna minn dan l-iskart għadu qed jispiċċa f’siti ta’ landfill. Hekk kif l-iskart jiddekomponi, huwa jarmi ammonti kbar ta’ metan – gass serra qawwi – fl-arja, illi jikkontribwixxi għat-tibdil fil-klima.
Illum, ġestjoni aħjar tal-iskart tfisser li qiegħda tiġi rkuprata aktar enerġija, u l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar ir-rimi fil-landfills qed tagħmel differenza kbira.
Il-prevenzjoni tal-iskart qed issir aktar importanti hekk kif il-popolazzjoni globali tiżdied u aħna qegħdin innaqqru mill-provvista finita ta’ riżorsi naturali.

Aħsibha għal darba darbtejn qabel ma tagħmel upgrade tal-gadgets tiegħek
L-apparat elettriku u elettroniku mormi (WEEE) huwa l-aktar kategorija ta’ skart li qed tikber malajr fl-UE. Dan l-apparat, huwa mimli plastik u metalli, inklużi wħud li jagħmlu l-ħsara, bħall-merkurju, u oħrajn imprezzabbli, bħad-deheb, li jintużaw fil-pannelli taċ-ċirkwiti.
L-UE ffissat miri għar-riċiklaġġ tal-apparat elettroniku bl-għan li tiffranka r-riżorsi u tirrestrinġi l-materjali perikolużi li l-manifatturi jistgħu jpoġġu fl-apparat elettroniku, biex b’hekk jipproteġu lir-riċiklaturi u l-ambjent.
