Soluzzjonijiet
Il-klima u l-belt
Il-bliet huma kontributuri kbar għat-tibdil fil-klima – din mhix ħaġa sorprendenti, minħabba li huma l-postijiet fejn qed jgħixu madwar 75% tal-Ewropej illum.
Bliet kbar, impronti kbar
Bħala ċentri ta' attività, huma sors kbir ta’ emissjonijiet tal-karbonju. Iż-żoni urbani huma responsabbli għal 60–80% tal-użu globali tal-enerġija u huma responsabbli għal madwar l-istess sehem ta’ emissjonijiet tas-CO₂, għalhekk għandhom impronta ta’ karbonju kbira. Iżda minbarra li huma parti mill-problema, il-bliet jistgħu jkunu wkoll parti mis-soluzzjoni.
Il-bliet madwar l-UE qed jinbidlu għall-aħjar, grazzi għall-innovazzjoni u l-viżjoni tal-mexxejja lokali li qegħdin jgħinu biex jitnaqqsu l-emissjonijiet u jsiru l-adattamenti għall-impatti tat-tibdil fil-klima permezz ta’ ppjanar intelliġenti u skemi biżlin.
Sindki b'missjoni
Il-bliet madwar l-Ewropa ħadu impenn volontarju biex jieħdu miżuri biex inaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u jippreparaw għall-impatti tat-tibdil fil-klima.
Huma ssieħbu fil-Patt tas-Sindki, skema tal-Kummissjoni Ewropea maħsuba biex tħeġġeġ lill-bliet inaqqsu l-emissjonijiet u jaddattaw għat-tibdil fil-klima. Il-bliet qegħdin iżidu l-effiċjenza tal-enerġija u jżidu l-użu ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli u tat-trasport sostenibbli, kif ukoll infrastruttura ta’ “reżiljenza għat-tibdil fil-klima”, qed jiżviluppaw żoni urbani ekoloġiċi u jaddattaw il-protezzjoni ċivili, fost inizjattivi oħrajn.
Fl-2016, ġie mniedi l-Patt Globali tas-Sindki għall-Klima u l-Enerġija biex tiġi aċċellerata l-azzjoni klimatika fil-livell lokali madwar id-dinja kollha.
Illum, aktar minn 11,500 belt minn 142 pajjiż u 6 kontinenti qed jaħdmu flimkien favur il-klima. Il-belt tiegħek — jew il-belt l-eqreb tiegħek — se tingħaqad magħhom?
Bliet aċċessibbli
Il-ġranet mingħajr karozzi huma mod minn fost l-aqwa ta' kif in-nies ikunu jistgħu jesploraw modi alternattivi ta’ kif iduru mal-belt. Dan hu wieħed mill-avvenimenti li jseħħu f’ħafna bliet matul il-Ġimgħa Ewropea għall-Mobbiltà, kampanja appoġġjata mill-Kummissjoni Ewropea li tiġi organizzata kull Settembru.
Ġew introdotti aktar minn 8,000 miżura permanenti, bħal skemi ta’ carpooling u kondiviżjoni tar-roti, grazzi għal din il-kampanja.
It-tħejjija għal temp estrem f’Copenhagen
F’Lulju tal-2011, għamlet ix-xita f’Copenhagen...
iżda dan ma kienx traxxix normali. Niżlet madwar 15-il ċentimetru ta’ xita f'temp ta' sagħtejn biss. Id-drejns tal-belt ma setgħux ilaħħqu mal-volum ta’ ilma u l-bini u t-toroq wara ftit għerqu.
Tnejn mill-isptarijiet prinċipali ta’ Copenhagen kienu mhedda li jagħlqu minħabba l-għargħar u l-qtugħ fil-provvista tal-enerġija. Dan l-avveniment ġiegħel lill-mexxejja tal-belt biex jaħsbu dwar it-tfassil ta’ pjan maħsub biex jipproteġi lill-belt minn avvenimenti ta’ temp estrem fil-futur.
B’riżultat ta’ dan, ġie żviluppat il-"Pjan ta’ Ġestjoni Cloudburst", li mhux biss jgħin fil-ġestjoni mtejba tax-xita fil-futur, iżda li qed jtejjeb ukoll il-kwalità tal-ħajja fil-belt. L-iskema saħansitra tinkludi rotot ġodda għar-roti li fl-istess ħin iservu anke bħala kanali għall-ilma li jinżel f'maltempata.

Iffranka l-enerġija, iffranka l-flus
Bini u apparat domestiku aktar effiċjenti jistgħu jiffrankaw ammonti kbar ħafna ta’ enerġija, emissjonijiet u flus. Ammont kbir ta’ enerġija li tintuża fid-djar tal-familji fl-UE tmur għat-tisħin tad-djar.
Twieqi bi glazing tripplu, insulazzjoni tajba u bjut miksija bi pjanti li jgħinu sabiex il-bini jinżamm frisk huma biss ftit mill-modi li nnaqqsu l-impronta tal-karbonju tad-djar, tal-iskejjel u tal-uffiċċji tagħna.

Bliet Kapitali Ekoloġiċi Ewropej
Il-premju tal‑Belt Kapitali Ekoloġika Ewropea jingħata lil dawk il-bliet li huma impenjati biex isiru aktar sostenibbli. L-għan hu li jiġu ppremjati l-bliet li jkunu qed jiksbu standards ambjentali għoljin fit-tul, sabiex il-bliet jiġu mħeġġa jimpenjaw ruħhom biex jiksbu għanijiet ambizzjużi u biex jiġu mmotivati bliet oħrajn bil-ħolqien ta’ spazju fejn il-bliet jispiraw lil xulxin biex jaqsmu flimkien l-ideat u l-esperjenzi.