Dinja li qed tinbidel
L-Impatti
L-effetti tat-tibdil fil-klima qegħdin jinħassu fuq il-kontinenti kollha madwar id-dinja u huwa mbassar li dawn isiru aktar frekwenti u intensi fid-deċennji li ġejjin.
Pajjiżi u reġjuni differenti jiffaċċjaw problemi differenti.
Dawn il-bidliet għandhom is-setgħa li jittrasformaw id-dinja tagħna, jaffettwaw il-provvisti tal-ikel u tal-ilma, kif ukoll saħħitna. Aktar ma jkunu kbar il-problemi, aktar ikunu diffiċli u aktar iqumu flus biex dawn jissolvew – li hija r-raġuni għaliex it-teħid ta’ azzjoni bikrija biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima huwa l-aqwa għażla.
Kif inkejlu t-tibdil fil-klima?
Kampjuni ta’ silġ meħuda mill-fond taħt l-Antartika fihom bżieżaq ta’ arja minn 650,000 sena ilu. Dawn jagħtuna informazzjoni dwar il-livelli tal-gassijiet serra fl-imgħoddi, u jiżvelaw li l-konċentrazzjonijiet ta’ CO2 u metan fl-atmosfera kienu ħafna iktar baxxi milli huma llum.

Iċ-ċrieki tas-siġar huma rekord ta’ kemm kibret siġra f’sena waħda. Ix-xjentisti jistudjaw iċ-ċrieki f’siġar antiki ħafna sabiex isiru jafu kif inbidlet il-klima maż-żmien. Pereżempju, iċ-ċrieki jkunu irqaq meta t-temp ikun kiesaħ jew niexef.

Il-Mauna Loa Observatory fil-Hawaii, fl-Istati Uniti tal-Amerika, ilu jkejjel il-livelli tas-CO2 fl-atmosfera mill-1958. Il-kejl meħud minn dan il-post remot, fejn l-arja mhijiex iddisturbata, huwa indikatur tajjeb tal-livelli globali tas-CO2.

Ir-ritratti bis-satellita jistgħu jintużaw biex juru bidliet fil-kisja tas-silġ fuq il-baħar Artiku u Antartiku fuq perjodu ta’ żmien.

L-aħbar il-ħażina
Ix-xjentisti jaqblu li l-pjaneta qed tisħon aktar malajr minn qatt qabel minħabba l-ammont vast ta’ gassijiet serra li l-bnedmin qegħdin jippumpjaw fl-atmosfera. Dawn jinkludu attivitajiet bħall-ħruq ta’ fjuwils fossili (faħam, żejt u gass), is-sewqan tal-karozzi u l-qtugħ ta’ siġar mill-foresti.
Ħafna minna rajna – u saħansitra esperjenzajna – l-effetti tat-tibdil fil-klima. Iżda dan mhuwiex biss dwar temp estrem bħal għargħar, nixfiet u uragani. Bidliet aktar bil-mod u inqas notevoli fil-klima tagħna għandhom il-potenzjal li jbiddlu kompletament il-mod ta' kif ngħixu.
L-aħbar it-tajba
L-aħbar it-tajba hija li f'Pariġi, f’Diċembru tal-2015, 195 pajjiż (prattikament id-dinja kollha) laħqu l-ewwel ftehim li qatt sar dwar l-ewwel ftehim globali li jorbothom legalment biex jindirizzaw it-tibdil fil-klima. Fl-UE u madwar id-dinja, il-gvernijiet, il-kumpaniji u l-individwi qegħdin jaħdmu sabiex jindirizzaw il-kawżi ta’ dan il-fenomenu u jaddattaw għall-bidliet li jġib miegħu.
Aħna lkoll għandna l-parti tagħna x'nagħmlu minħabba li t-tibdil fil-klima huwa problema globali li tista’ taffettwa lil kull wieħed u waħda minna.
Aħna lkoll qegħdin ngħixu fi pjaneta waħda u l-bidliet li nagħmlu f’post wieħed jistgħu jaffettwaw lil nies oħra 'l bogħod minna. Tista’ tgħid li l-imġiba tagħna tħalli impressjoni dejjiema, bħal impronta. Għalhekk, bl-azzjonijiet u bl-għażliet tagħna, kull wieħed u waħda minna nistgħu nieħdu passi biex inħallu impronti iżgħar u ngħinu biex nindirizzaw it-tibdil fil-klima.
Temp estrem ikkawżat mit-tibdil fil-klima

Kif...
Ikklikkja fuq il-mappa interattiva biex tiskopri eżempji ta' anomaliji marbutin mat-temp li qed iseħħu madwar id-dinja
L-Oċeani fuq quddiem
Livelli dejjem jogħlew tal-baħar
Bejn l-1901 u l-2010, il-livell medju tal-baħar madwar id-dinja għola b’19-il ċentimetru. Hemm żewġ raġunijiet ewlenin għal dan: l-ewwel waħda hija li hekk kif l-ilma jisħon, jespandi u jieħu aktar spazju. It-tieni hija li t-tisħin globali qed iwassal biex il-glaċieri u l-folji tas-silġ ġganteski fi Greenland u fl-Antartika jdubu aktar malajr, u jiżdied aktar ilma fl-oċeani.
Iż-żieda li tirriżulta fil-livelli tal-baħar tikkawża għargħar f'kosti baxxi u qed thedded li tgħerreq xi gżejjer kompletament.
Livelli tal-baħar ogħla jistgħu jkunu wkoll ta’ ħsara għal ekosistemi kostali importanti bħal foresti mangrovja, li huma refuġji siguri għal ħut ta’ età żgħira u speċi selvaġġi oħrajn, minħabba li jipproteġuhom minn maltempati li jeqirdu l-kosti. U meta l-ilma mielaħ jippenetra fl-art, iniġġes il-provvisti tal-ilma tax-xorb u jeqred il-ħamrija, tant li jagħmilha impossibbli li jitkabbru l-uċuħ tar-raba’.
Gżejjer mhedda
Tista’ timmaġina kif tħossok jekk issir taf li xi darba darek tista’ tispiċċa mgħarrqa mill-ilma?
Il-Gżejjer Marshall fit-tramuntana tal-Oċean Paċifiku huma fost l-aktar pajjiżi gżejjer vulnerabbli fid-dinja, b’ħafna mill-art tinsab madwar tliet metri biss ’il fuq mil-livell tal-baħar.
Ix-xjentisti jgħidu li żieda lokali fil-livell tal-baħar b’sempliċi 80 ċentimetru tista’ tgħarraq żewġ terzi tal-art.

Oċeani aktar sħan
It-tibdil fil-klima qed ikollu wkoll impatt kbir fuq l-oċeani tad-dinja. L-oċeani assorbew aktar minn 90% tas-sħana addizzjonali minn bidliet fl-atmosfera kkawżati mill-attivitajiet tagħna matul dawn l-aħħar 40 sena.
Filwaqt li dan ifisser li l-atmosfera mhijiex qiegħda tisħon daqs kemm fil-fatt tista’ tisħon, hi qed issaħħan l-oċeani. Speċi bħall-ħut, il-gambli, il-baleni u l-plankton (organiżmi żgħar li jittieklu mill-ħut) jirrispondu għall-ilma aktar sħun billi jemigraw lejn poli aktar kesħin.
Madankollu, krill żgħir bħall-gambli, li jittiekel mill-ħut u mill-baleni, inissel l-aħjar f’ilma kiesaħ. Ilma aktar sħun ifisser inqas krill u inqas ħut. Is-sikek tal-qroll, li jospitaw aktar minn 25% tal-ħajja marittima kollha u fejn jitgħammru ħafna mill-ħut, ukoll jitħabtu u jbatu biex jgħixu meta l-ilma jisħon ħafna.
L-oċeani jassorbu madwar kwart tad-diossidu tal-karbonju li nipproduċu kull sena, u ż-żieda fil-livelli tas-CO2 tfisser li ammonti akbar tal-gass jispiċċaw jinħażnu fil-baħar. Dan jgħin sabiex tiġi rregolata l-klima iżda qed ibiddel il-bilanċ kimiku fl-oċeani.
L-ilmijiet qegħdin isiru aktar aċidużi, xi ħaġa li tikkawża ħsara lill-ħajja marittima, b’mod partikolari lil kreaturi tal-baħar li jibnu l-qoxra bħal awwisti, gajdri u koralli.
Dan hu ta’ tħassib partikolari għaliex dawn jinsabu fil-bidu tal-katina tal-provvista tal-ikel għal għadd ta’ speċi.
Annimali milquta ħafna mit-tibdil fil-klima
Theddida fuq l-ikel polari
Ħafna speċi tal-art u tal-baħar diġà marru f’postijiet ġodda. Uħud jistgħu jsibu lilhom infushom f’riskju akbar ta’ estinzjoni jekk ma titteħidx azzjoni li tillimita t-tibdil fil-klima.
L-akbar predaturi polari, bħall-foki leopardi u l-orsijiet polari, jeħtieġu algi żgħar li jikbru ma' qiegħ is-silġ biex ikunu jistgħu jgħixu. Dawn l-algi huma l-bidu ta’ kważi kull katina tal-ikel polari. Il-plankton jiekol l-alga; ħut żgħir, krill u kreaturi oħrajn jieklu l-plankton; u nibqgħu sejrin hekk aħna u tilgħin ’il fuq fil-katina tal-ikel sakemm naslu għall-ħut, il-pengwini u l-foki. B’inqas silġ fil-baħar Artiku u Antartiku, dawn il-ktajjen tal-ikel qed jisfaxxaw.
X'inhuma l-konsegwenzi fuq il-bniedem?
It-tibdil fil-klima ġab tibdiliet permanenti fid-Dinja li qed jibdlu dejjem aktar il-mod ta' kif jgħix il-bniedem.

Nemus perikoluż
It-tibdil fil-klima jfisser ukoll li xi insetti li qabel kienu jgħixu f’reġjun wieħed issa qed jinvadu postijiet ġodda.
Ċerti tipi ta' nemus jittrażmettu mard bħal yellow fever, dengue fever, chikungunya u malarja meta jigdmu. Oriġinarjament, dawn l-insetti kienu jgħixu biss f’postijiet tropikali, iżda xi wħud illum qed jgħixu u jnisslu fin-nofsinhar tal-Ewropa minħabba li hemmhekk l-klima hi aktar sħuna.
Inqas ikel, aktar problemi
Is-sħana qawwija u n-nuqqas ta’ ilma huma taħlita diżastruża għall-uċuħ tar-raba’ u għall-provvisti tal-ikel fid-dinja. Il-pjanti jeħtieġu l-ilma biex jgħixu, u mingħajr pjanti x’jieklu, bhejjem bħall-baqar jispiċċaw ibatu l-ġuħ ukoll. Meta jinxef is-saff ta’ fuq tal-ħamrija fl-għalqa ta’ bidwi, dan isir trab u jtir mar-riħ, u miegħu jtajjar in-nutrijenti vitali li jeħtieġu l-pjanti.
Ir-riżultat hu inqas ikel, li hi problema kbira minħabba li l-popolazzjoni tad-dinja mistennija tiżdied minn 7 biljuni llum għal 9 biljuni sal-2050, għalhekk se jkollna bżonn aktar ikel, mhux inqas.
Il-provvisti tal-ikel tagħna huma mhedda wkoll mill-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima fuq in-naħal u pollinaturi oħra. Dan kollu jfisser li jeħtieġ li nipprevenu t-tibdil fil-klima kemm nistgħu, filwaqt li naddattaw l-agrikoltura tagħna biex tindirizza klima li qed tinbidel.
Belt li qed tegħreq
It-travi tal-injam li Venezja hija mibnija fuqhom qed jisparixxu fit-tajn fil-laguna baxxa fil-Baħar Adrijatiku.
Bl-ilmijiet tal-laguna li qed jogħlew b’madwar 2 mm kull sena, l-effett kombinat huwa żieda ta’ 4 mm fis-sena fil-livell tal-baħar.
Għargħar frekwenti jagħmel ħsara lill-bini storiku, jgħatti l-mogħdiji u jaffettwa t-turiżmu.
Madankollu, hemm proġett għaddej biex jiġu installati 78 grada kbar tal-azzar biex jipproteġu l-belt minn għargħar sa 3 metri. Minbarra l-gradi, Venezja se tirċievi protezzjoni addizzjonali permezz tar-restawr tal-marġi salmastri, li jaġixxu bħala barrieri naturali kontra ż-żieda fil-livell tal-baħar.
Kif tistgħu taraw, is-sitwazzjoni mhijiex l-aħjar li tista' tkun, la għad-Dinja, u lanqas għall-bnedmin... Allura… X'inhuma s-soluzzjonijiet?