Soluzzjonijiet
Il-klima u l-industrija
Il-fabbriki li jagħmlu l-prodotti li nużaw u l-impjanti tal-enerġija li jipproduċu l-elettriku li għandna bżonn fid-djar, fl-iskejjel u fl-uffiċċji tagħna jarmu ammonti kbar ta’ CO2 u gassijiet serra (GHGs) oħrajn.
Ħallas għall-emissjonijiet tiegħek!
Sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet, l-UE ħolqot l-ewwel u l-akbar sistema fid-dinja biex tillimita l-ammont ta’ GHGs li jistgħu jintremew u ġġiegħel lill-kumpaniji jħallsu għall-emissjonijiet li jirrilaxxaw fl-atmosfera.
Industriji aktar nodfa
Is-Sistema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet tal-UE (EU ETS) tnediet fl-2005 u hija parti prinċipali fil-politika dwar il-klima tal-UE. Tkopri aktar minn 10,000 impjant tal-enerġija u fabbriki – u tinkludi wkoll emissjonijiet minn titjiriet fi ħdan l-UE.
Is-sistema tillimita l-ammont annwali ta’ GHGs li jistgħu jarmu l-kumpaniji Ewropej. Dan il-limitu jonqos kull sena u, minħabba li l-kumpaniji jridu jirrapportaw l-emissjonijiet tagħhom, aħna nistgħu nkunu ċerti li s-sistema qed tnaqqas it-tniġġis.
Aktar ma jarmu GHGs il-kumpaniji, aktar iridu jħallsu, għalhekk huwa fl-interess tagħhom li kemm jista' jkun jarmu emissjonijiet mill-inqas – pereżempju billi jinvestu f’teknoloġiji aktar nodfa li jipproduċu inqas CO2.
Illum il-ġurnata qed jiġu stabbiliti sistemi simili madwar id-dinja, pereżempju fiċ-Ċina, fil-Korea t’Isfel u f'California.
Għal setturi li mhumiex koperti mis-Sistema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet, bħat-trasport bit-triq, il-kostruzzjoni, l-agrikoltura u l-iskart, l-emissjonijiet GHG xorta jeħtieġ li jitnaqqsu, peress li l-pajjiżi kollha tal-UE għandhom mira nazzjonali li jnaqqsu l-emissjonijiet f’dawn is-setturi.
Sostenn għat-teknoloġija ġdida
L-UE qed tgħin biex jiġu żviluppati teknoloġiji innovattivi b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju permezz tal-Fond għall-Innovazzjoni. Dan jintroduċi soluzzjonijiet industrijali fis-suq għad-dekarbonizzazzjoni tal-Ewropa u jappoġġa t-tranżizzjoni tagħha lejn in-newtralità klimatika. Il-Fond għall-Innovazzjoni se jipprovdi madwar EUR 38 biljun mill-2020 sal-2030 (skont il-prezz tal-karbonju, peress li huwa ffinanzjat mill-irkant ta’ kwoti ta’ emissjonijiet tal-karbonju tas-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet).
Il-Fond għall-Innovazzjoni jappoġġa proġetti li jiffukaw fuq teknoloġiji u proċessi b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju f’industriji li jużaw ħafna enerġija, fl-enerġija rinnovabbli, fil-ħżin tal-enerġija u teknoloġija ġdida li taqbad il-karbonju u taħżnu taħt l-art.
L-UE u l-Istati Membri tagħha se jkomplu jappoġġaw ir-riċerka u l-iżvilupp għal innovazzjonijiet b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju permezz tal-Fond għall-Innovazzjoni u Orizzont Ewropa. L-objettiv ewlieni huwa li l-ideat dwar livelli baxxi ta’ emissjonijiet tal-karbonju jissarrfu f’soluzzjonijiet prattiċi f’bosta oqsma ta’ ħajjitna.
Immaġina l-bini jew karozzi fil-futur li jużaw azzar mingħajr karbonju, jew karozzi li jaħdmu bħala batteriji mobbli li jistgħu jgħinu biex jipprovdu l-enerġija fid-djar!
Impjiegi ppjanati
Titħajjar taqbad karriera eċċitanti fejn tkun qed taħdem bl-iktar teknoloġiji avvanzati u innovattivi riċenti? Illum il-ġurnata, jeżistu ħafna impjiegi f’oqsma bħas-sorsi rinnovabbli li ma kinux jeżistu 10 snin ilu.
Xi pajjiżi tal-UE saħansitra waqqfu ċentri ta’ taħriġ speċjali għat-tħaddim u l-manutenzjoni ta’ turbini tar-riħ offshore. Immaġinak trid titla’ ma’ torri ta’ turbini tar-riħ għoli 85 metru biex tirranġa ħsara elettrika jew biex tagħti service lill-filtru taż-żejt – ’il bogħod mill-art u trid taħdem f’ibħra f'nofs il-maltempati u r-riħ qawwi!

Stil ta' ħajja sostenibbli
Sostenibbli: Naċċertaw li għandna, u li se jkollna, ir-riżorsi bażiċi meħtieġa biex inkunu nistgħu ngħixu, bħall-ilma, l-ikel u l-enerġija. Li ngħixu b'mod sostenibbli jfisser li nieħdu ħsieb il-pjaneta tagħna u li ngħixu fil-limiti ta’ dak li hi tista’ tipprovdilna.
Azzjonijiet konkreti dwar l-emissjonijiet tas-CO₂
Il-konkrit huwa essenzjali għall-kostruzzjoni ta’ bini, toroq u pontijiet iżda l-produzzjoni tal-ingredjent bażiku tiegħu, is-siment, tiġġenera wkoll ammonti kbar ta’ CO2. Il-produzzjoni ta’ tunnellata ta’ siment tirrilaxxa tunnellata ta’ CO2 minħabba li l-maġġoranza tas-siment isir permezz tat-tisħin tal-ġebla tal-franka għal temperaturi għoljin.
L-industrija tas-siment issa tagħmel konkrit aktar sostenibbli billi tinvesti f’teknoloġija moderna u tuża materjal li jemetti inqas CO2.