X'qed jikkawża t-tibdil fil-klima?
Kawżi
Il-klima tad-Dinja nbidlet matul iż-żmien, u b'mod gradwali, saret aktar sħuna jew kiesħa għal tul ta' żmien twil.
Aħna responsabbli
Dawn il-bidliet kienu r-riżultat ta' kawżi naturali, bħal bidliet fl-inklinazzjoni tal-pjaneta, l-attività tax-xemx u l-kurrenti tal-oċeani.
Imma l-bidliet li qed naraw illum huma differenti − u aħna responsabbli! Minħabba li qed noħolqu aktar gassijiet li qed iżommu s-sħana fl-atmosfera, aħna qed nikkawżaw li t-temperatura tad-dinja tiżdied b'rata straordinarja.
Nispjegaw ix-xjenza
Meta d-dawl tax-xemx jolqot wiċċ id-Dinja, xi ftit minn din l-enerġija tiġi assorbita u ssaħħan l-art u l-oċeani. Il-bqija tal-enerġija tista’ taħrab lura lejn l-ispazju, iżda xi ftit minnha tinqabad fl-atmosfera u ssaħħan id-Dinja. Dan jissejjaħ l-“effett serra”, għaliex l-atmosfera taġixxi bħall-ħġieġa f‘serra – issaħħan ġewwa.
Dan l-effett serra jseħħ minħabba li l-atmosfera tad-Dinja fiha gassijiet bħal fwar tal-ilma, diossidu tal-karbonju, metanju u ossidu nitruż (dawn jissejħu gassijiet serra). L-effett serra huwa dak li normalment iżomm il-pjaneta tagħna f’temperatura komda.
Madankollu, l-attivitajiet tal-bnedmin qegħdin iżidu l-ammonti ta’ gassijiet serra fl-atmosfera, dan jagħmel l-effett serra aktar b’saħħtu u jżid it-temperatura tad-Dinja.

It-tibdil fil-klima jiġi kkawżat miż-żieda fit-temperatura tad-Dinja (tisħin globali) li tiġi miż-żieda ta’ gassijiet serra addizzjonali minn dawk li jinħolqu b’mod naturali.
Dawn il-gassijiet serra addizzjonali jirriżultaw l-aktar mill-ħruq tal-fjuwils fossili għall-produzzjoni tal-enerġija, kif ukoll minn attivitajiet tal-bnedmin oħrajn, bħat-tqaċċit tal-foresti pluvjali, l-agrikoltura, it-trobbija tal-bhejjem u l-produzzjoni tas-sustanzi kimiċi.

Temp u klima huma żewġ affarijiet differenti iżda relatati ma’ xulxin. It-temp jiddeskrivi l-kundizzjonijiet minn jum għal jum f’post partikolari — pereżempju, jista’ jkun imsaħħab u bix-xita f’jum partikolari u xemxi l-għada.
"Klima” tiddeskrivi l-medja tal-kundizzjonijiet tat-temp f’post partikolari fuq perjodi ta’ żmien relattivament twal (eż. 30 sena). Id-deżerti, pereżempju, ikollhom klima sħuna u niexfa, filwaqt li r-reġjuni tal-Artiku u tal-Antartiku huma kesħin u nexfin.

Tisħin globali vs. tibdil fil-klima
Tisħin globali jiddeskrivi ż-żieda attwali fit-temperatura tad-Dinja. Huwa biss karatteristika waħda tat-tibdil fil-klima. Tibdil fil-klima jirreferi għall-ħafna effetti differenti tat-tisħin globali fuq is-sistema tal-klima tad-Dinja.
Dawn jinkludu l-livelli dejjem jogħlew tal-baħar, it-tidwib tal-glaċieri, it-tibdil fil-mudelli tax-xita, iż-żieda fil-frekwenza ta’ temp estrem (bħal għargħar għal għarrieda u mewġiet ta’ sħana), tibdil fit-tul tal-istaġuni u tibdil fil-produzzjoni tal-uċuħ tar-raba’.

Il-klima qed tisħon
Fl-2019, id-Dinja kienet madwar 1.5°C aktar sħuna minn kemm kienet fl-aħħar tas-seklu 19 – u t-temperatura medja globali għandha tkompli togħla aktar matul is-seklu li ġej. Jista’ jkun li 1.5°C ma tinstemax bħala figura kbira, iżda kkunsidra dan:
Ħafna mit-tisħin s’issa seħħ f’dawn l-aħħar għexieren ta’ snin, għalhekk iż-żieda fit-temperatura qiegħda taċċellera b’pass mgħaġġel.
Tinsiex, din hija żieda medja: xi postijiet saru ferm aktar sħan u oħrajn aktar kesħin. Pereżempju, l-Artiku sar sostanzjalment aktar sħun matul dawn l-aħħar 60 sena u sal-2040 jista’ jispiċċa bla silġ fis-sajf. L-Ewropa qiegħda tisħon b’rata aktar mgħaġġla minn żoni oħra madwar id-dinja.
Skont xi studji, it-temperatura tad-Dinja matul l-aħħar era tas-silġ kienet madwar 4°C biss aktar kiesħa minn dik tard fis-seklu 19.
Staqsi lix-xjentist


L-impronta tal-karbonju
L-impronta tal-karbonju tagħna tkejjel l-impatt li għandna fuq il-pjaneta f’termini tal-ammont ta’ gassijiet serra li nipproduċu fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, pereżempju, kemm nużaw jew neħtieġu fjuwil u enerġija biex nagħmlu l-affarijiet li nużaw.
Ara xi suġġerimenti dwar kif tista’ tagħmel l-impronta tal-karbonju tiegħek iżgħar fit-taqsima F'idejk.

Iċ-ċiklu tal-karbonju dejjem għaddej
Il-karbonju jinsab kullimkien u f’kull ħaġa ħajja – inkluż inti! Iżda l-karbonju ma jibqax f’post wieħed.
Huwa jiċċaqlaq il-ħin kollu minn parti waħda tal-pjaneta għal oħra u jibdel il-forma. Pereżempju, il-karbonju jeżisti fl-arja l-aktar bħala gass (diossidu tal-karbonju, jew CO2) li jiġi assorbit mill-pjanti, inklużi siġar, u mill-oċeani.
Fuq l-art, l-annimali, inklużi aħna, jieħdu l-karbonju meta jieklu l-pjanti u jeħduh man-nifs waqt ir-respirazzjoni. Meta l-pjanti u l-annimali jmutu, il-fdalijiet tagħhom jitmermru u jiddekomponu b’tali mod li joħolqu karbonju li jiġi assorbit lura fid-Dinja.
Iċ-ċiklu tal-karbonju żamm il-proporzjon tal-gass fl-atmosfera xi ftit jew wisq stabbli għal eluf ta’ snin.
Madankollu, dan il-bilanċ delikat qiegħed jisfaxxa mill-attivitajiet tal-bnedmin li, jew jirrilaxxaw is-CO2 aktar malajr milli jkun jista’ jitneħħa b’mod naturali, jew inkella jnaqqsu l-ħażniet naturali ta’ karbonju, bħal permezz tad-deforestazzjoni ta’ foresti tropikali.
Dan iżid l-ammont ta’ CO2 fl-atmosfera, u peress li s-CO2 huwa gass serra, dan jikkawża żieda fit-temperatura tad-Dinja.
It-toqba fis-saff tal-ożonu hija responsabbli għat-tibdil fil-klima?
Le!
L-ożonu huwa gass utli ħafna li jinsab f’livell għoli fl-atmosfera tad-Dinja u li jassorbi radjazzjoni ultravjola dannuża mix-xemx.
Meta x-xjenzjati rrealizzaw li l-gassijiet magħmula mill-bniedem li jintużaw fil-friġġis u fl-aerosols kienu qed jagħmlu toqba fis-saff tal-ożonu, il-komunità internazzjonali bdiet proċess biex teliminahom b’mod gradwali. Tfassal ftehim bl-isem ta’ Protokoll tal-Montreal biex jitnaqqas gradwalment l-użu ta’ sustanzi perikolużi, bħall-klorofluworokarburi (CFCs).
L-isforzi tant irnexxew li s-saff tal-ożonu jinsab fit-triq it-tajba biex jirkupra sa nofs is-seklu 21. L-UE hija minn ta’ quddiem nett fil-kampanja għall-ħarsien tas-saff tal-ożonu. Għalkemm it-toqba tal-ożonu nnifisha ma kkawżatx tisħin globali, ir-restrizzjonijiet applikati fuq sustanzi li jnaqqsu l-ożonu qed jgħinu biex jipprevjenu t-tibdil fil-klima minħabba li dawn is-sustanzi kimiċi huma wkoll gassijiet serra.
Sfortunatament, is-CFCs — u s-sustanzi suċċessuri tagħhom — eventwalment ġew sostituti minn gassijiet fluworinati, magħrufa bħala l-gassijiet F. Dawn ma għandhom l-ebda effett fuq is-saff tal-ożonu iżda huma gassijiet serra b’saħħithom. Għal darba oħra, id-dinja qed tieħu azzjoni: il-198 pajjiż kollha li ffirmaw il-Protokoll ta’ Montreal qablu li jillimitaw il-produzzjoni u l-użu tagħhom ta’ dawn il-gassijiet dannużi. L-UE qed tmexxi lill-bqija tad-dinja fir-restrizzjoni tal-użu tagħhom u fis-sejbien ta’ alternattivi għalihom. L-għan tal-UE huwa li tnaqqas l-emissjonijiet tagħha tal-gassijiet F b’żewġ terzi sal-2030 meta mqabbla mal-livelli tal-2014. Fl-2022, il-Kummissjoni Ewropea għamlet proposta li żżid l-ambizzjoni tal-liġi dwar il-gassijiet F, li se tgħin lill-UE tilħaq newtralità klimatika sal-2050.


Fjuwils fossili
Il-fjuwils fossili – bħall-faħam – huma l-fdalijiet ta’ pjanti u annimali antiki ħafna midfuna fil-fond tal-art għal miljuni ta’ snin, li nbidlu f’sustanzi li jistgħu jintużaw bħala fjuwils.

Issa li tifhem x'qed jikkawża t-tibdil fil-klima, x'inhuma l-impatt tiegħu?